ĦELSIEN KUNDIZZJONAT GĦALL-PRINĊEP RUMEN

Sdílet
Vložit
  • čas přidán 8. 07. 2024
  • ONE.COM.MT • Ngħaddu issa għal ġabra ta’ aħbarijiet mill-awli tal-Qorti.
    KITBA: NOLAN CAMILLERI
    FILMAT: ARKIVJI
    Il-Prinċep Rumen Paul Philip Al Romaniei ngħata l-bail mill-Imħallef Edwina Grima wara li nżamm għal xahrejn f’kustodja preventiva.
    Paul Lambrino, l-isem li hu wkoll magħruf bih, għandu seba’ u sebgħin sena u hu mfittex f’pajjiżu biex iservi sentenza ta’ priġunerija b’rabta ma’ korruzzjoni.
    F’Mejju, Qorti Maltija kienet ċaħdet it-talba ta’ estradizzjoni lejn ir-Rumanija fid-dawl ta’ riskju reali ta’ persekuzzjoni li jaf jiffaċċja. Id-deċiżjoni kienet ikkonfermata, imbagħad, f’Qorti oħra aktar tard wara appell mill-Avukat Ġenerali.
    L-avukati tar-Rumen marru quddiem il-Qorti Kostituzzjonali jargumentaw li jekk l-klijent tagħhom ikun estradit, ikunu qed jinkisrulu d-drittijiet fundamentali.
    Il-ħelsien mill-arrest ingħatalu b’diversi kundizzjonijiet, fosthom li jiffirma f’għassa darbtejn kuljum, b’depożitu ta’ għoxrin elf ewro u garanzija personali ta’ tletin elf ewro oħra.
    AĠĠORNAT MINĦABBA KAŻ KOSTITUZZJONALI
    Is-smigħ b’rabta ma’ akkużi ta’ disprezz lejn il-Qorti u riċediviżmu fil-konfront tal-aħwa Degiorgio se jkomplu f’Ottubru wara li l-avukati tagħhom informaw il-Qorti b’każ Kostituzzjonali li huma fetħu f’Mejju li għadda.
    L-aħwa Degiorgio, li qegħdin jiskontaw sentenza ta’ erbgħin sena priġunerija b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kienu qegħdin jiffaċċjaw dawn l-akkużi quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima wara li rrifjutaw milli jixdhu kontra Yorgen Fenech.
    Huma wieġbu mhux ħatja għal dawn l-akkużi, li nħarġu wara li rrifjutaw jixhdu f’istanzi differenti u marru kontra l-ordnijiet li kienu ingħataw.
    L-aħwa Degiorgio argumentaw li jekk jixdhu kontra Fenech jistgħu jinkriminaw irwieħhom anke jekk diġà ġew ikkundannati b’rabta mal-każ u b’hekk dan ma jgħoddx fil-każ tagħhom.
    Issa l-każ ġie aġġornat għal Ottubru, filwaqt li jkompli jinstema’ l-każ kostituzzjonali li nfetaħ.
    RILAXXAT WARA ARREST INVALIDU
    Orian Theuma Whitelaw, żagħżugħ ta’ ħamsa u għoxrin sena mill-Birgu, ġie rilaxxat mingħajr kundizzjoni wara li allegatament żamm sikkina ma’ għonq membru tal-familja tiegħu li pprova jwaqqaf argument li nqala’ bejn l-akkużat u persuni oħrajn.
    L-arrest ġie kkunsidrat bħala wieħed invalidu mill-Maġistrat Lara Lanfranco, minħabba li dan ir-reat hu kontravenzjonali u s-sikkina ma nstabitx. Minkejja l-argumenti tal-prosekuzzjoni, il-Maġistrat ordnat ir-rilaxx tal-imputat.
    Madankollu, l-Qorti laqgħet it-talba ta’ protezzjoni favur il-vittma u qrabatu.

Komentáře •