L-ISTORJA TAL-IMWIEŻEN TA’ DARI U LLUM

Sdílet
Vložit
  • čas přidán 12. 09. 2024
  • ONE.COM.MT • Se nlaqqgħukom ma’ Anna Zahra li togħxa bid-delizzju li għandha u se tkellimna dwar l-imwieżen li joħduha lura fi snin.
    KITBA: ANTON FALZON
    FILMAT: DORIAN BORG
    L-uqija, in-nofs kwart, il-kwart, in-nofs artal, ir-ratal, in-nofs wiżna u l-wiżna. Piżijiet ta’ dari, li llum qajla għadna nużawhom, anzi kważi m’għadhom jintużaw xejn.
    Illum ħa nlaqqgħukom ma’ Anna Zahra, bint il-bdiewa minn Ħal Għargħur, li għandha delizzju li mhu xejn komuni. Hi għandha kollezzjoni tal-imwieżen, li tant tgħożż u li hi għall-qalbha.
    Hi spjegatilna kif, maż-żmien, inbidel il-metodu ta’ kif wieħed jiżen il-prodotti, b’mod partikolari, dawk agrikoli. Bdiet biex urietna dak li, dari, kien fost l-ewwel imwieżen, li l-qraba tagħha kienu jużaw biex jaqilgħu l-għixien tagħhom.
    Kemm nannitha kif ukoll ommha kienu jaħdmu minn dejjem billi kienu jmorru jbiegħu l-prodotti li kien ikollhom minn tagħhom f’Tas-Sliema. B’hekk il-laqam ta’ “Manijni” żgur li baqa’ magħruf ferm ma’ dawk ta’ ċerta età mill-inħawi tas-Sacro Cuor.
    Anna wrietna wkoll il-miżien, li kien jintuża għall-frott, bil-kefef tiegħu li kienu maħdumin fondi apposta.
    Min-naħa l-oħra, għall-ġbejniet tal-bżar u l-bojod, nannitha kienet tuża dan il-miżien bil-keffa ċatta.
    Tatna ħjiel tal-kejla u n-nofs kejla, li fihom kien jitpoġġa l-kappar, li ma kienx jintnieżen, iżda kien jitpoġġa fihom skont il-bżonn.
    Anna Zahra kellmitna wkoll dwar miżien ieħor, li kien juża nannuha fl-imgħoddi u li wara wirtietu ommha.
    ANNA ZAHRA
    L-IMWIEŻEN GĦAL QALBHA
    “Ommi kienet tużah ħafna f’Tas Sliema biex tbiegħ il-prodotti li kien ikollha mill-għelieqi tagħna. Kienet issibu tajjeb għal idejha għax kienet iżommu bil-ganċ fuq subgħajha u kienet issibu komdu għax missieri kien iwassalha bil-prodotti mill-għelieqi u mbagħad tila lura bil-karozza tal-linja. Il-kefef kienu jiġu fuq xulxin u ġġibu magħha fil-basket.”
    Bl-entużjażmu ċar fuq wiċċha, li jixhed l-imħabba lejn din il-kollezzjoni u n-namra li għandha, hi wrietna wkoll miżien Ingliż, li jkejjel bil-libbri, li qaltilna li taħseb li kien jintuża fil-kċejjen biex jintieżen il-laħam.
    Anna tatna titwila tat-tomna.
    ANNA ZAHRA
    L-IMWIEŻEN GĦAL QALBHA
    “Din ngħidulha t-tomna, Din kejl għall-qamħ, għall-ful, għas-sill, għall-affarijiet tal-biedja għaż-żerriegħa. Iż-żerriegħa ma tintiżinx b’dawk l-imwieżen l-oħra jew bil-miżien il-kbir tal-kaxxi, imma jitkejjel bit-tomna u hemm is-siegħ ukoll li jintuża l-aktar għall-ful u l-piżelli.”
    Dawn huma l-piżijiet li kienu jintużaw meta bdejna niżnu bil-grammi u l-kilogrammi.
    Għall-bidu kienu baqgħu jintużaw l-imwieżen tal-kfief, sakemm imbagħad bdew jiddaħħlu l-imwieżen tal-minutieri.
    Dan il-miżien bil-keffa ċatta kien jintuża għall-kaxxi kbar u kien kapaċi jiżen sa 50 kilogramma, waqt li miżien ieħor hu dan li kien jiżen sa 12-il kilogramma u kien jintuża għall-frott u l-ħxejjex.
    Bi żmien daħal miżien aktar modern u diġitali, li dwaru Anna qaltilna li, għall-ewwel, ma kienx intlaqa’ tajjeb mill-konsumatur.
    ANNA ZAHRA
    L-IMWIEŻEN GĦAL QALBHA
    “Meta qlibt jien personalment għall-miżien diġitali, il-konsumatur kien hemm min ħadni fuq demm id-dars. Kien jippreferi li jmur jixtri gand min għandu tal-minutiera. Imma nfatti d-diġitali huwa tajjeb kemm għall-konsumatur u kemm għalina l-bejjiegħa. L-ewwel nett tara miż-żewġ naħat. Jiena nara kemm hemm kilos u l-konsumatur jara min-anaħa l-oħra.”
    Permezz tal-istasija, il-piżatur kien jiżen l-ixkejjer tal-patata, il-basal u l-bettiegħ, fost oħrajn. Żewġt irġiel kienu jżommuha l-istasija fuq spallithom, l-ixkora kienet tiddendel mal-ganċijiet u r-rimona kienet isservi biex tindika l-kejl. Bħalma l-miżien jieqaf skont il-piż fuq il-kejl permezz tal-minutiera, ir-rimona tagħmel l-istess, skont il-piż tal-ixkora.
    Jaħdem bħall-istasija hu dan il-miżien, li Anna sabet f’irkant, li kien jintuża mill-ispiżjara u jiżen biss sa ratlejn u nofs. Skont il-mediċina li kienet tintefa’ fil-miżien, ir-rimona tindika it-toqol skont in-numru indikat.
    Filwaqt li wrietna kif kien jinżamm il-miżien tal-but, Anna qaltilna li kien jintuża mill-bejjiegħa biex jiżnu l-prodotti li kienu jinbiegħu bil-qfief, bħall-ful, iċ-ċiċri u l-karawett.
    Konxji mill-fatt li d-dinja tal-bejgħ u x-xiri nbidlet ferm illum, inkluż bit-teknoloġija u l-avvanzi diġitali, Anna għadha tfakkar parti sew mill-istorja u l-milja taż-żmien, kif kien isir il-qofol tal-bejgħ u x-xiri, permezz tal-użin fit-toroq Maltin ta’ dari.

Komentáře •