STUDJU XJENTIFIKU BI TĦEJJIJA GĦALL-WIND FARMS

Sdílet
Vložit
  • čas přidán 12. 09. 2024
  • ONE.COM.MT • Interconnect Malta nediet studju ġeofiżiku f’żewġ partijiet speċifiċi tal-baħar fiż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ pajjiżna. Dan bil-għan li jidentifika b’mod dettaljat il-karatteristiċi tal-qiegħ fihom, b’tagħrif importanti u neċessarju bi tħejjija għall-ewwel u l-akbar investiment nazzjonali li mistenni jsir fiż-żmien li ġej f’wind farms li jżommu f’wiċċ l-ilma.
    KITBA: DASIER D’AMATO
    FILMAT: MEER / ARKIVJI
    Interconnect Malta nediet stħarriġ ġeofiżiku fiż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ pajjiżna bi tħejjija għall-proġetti bla preċedent li tħabbru mill-Gvern Malti għal wind farms f’ibħra ’l barra li jipproduċu enerġija nadifa.
    Dawn mistennija wkoll jibdlu lil Malta bħala hub Ewropew ta’ enerġija rinnovabbli prodotta mix-xemx jew ir-riħ.
    L-istudju, li qed isir mill-kumpanija Fugro Italia Spa, permezz ta’ vapur speċjalizzat, għandu l-għan li jfassal mappa tal-art f’qiegħ il-baħar u jidentifika l-karatteristiċi uniċi biex jiġbor informazzjoni imprezzabbli relatata.
    Dan il-proċess fl-isforzi nazzjonali fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, permezz ta’ Interconnect Malta, li wkoll hi responsabbli mill-proġetti massiċċi tat-tieni interconnector u anke l-pipeline tal-idroġenu ma’ Sqallija.
    Stqarrija ta’ Interconnect Malta qalet li, wara evalwazzjonijiet ambjentali u konsultazzjonijiet ma’ esperti internazzjonli, ġew identifikati żewġ siti partikolari fiż-Żona Ekonomika Esklussiva, li tinsab lil hinn mit-12-il mil nawtiku ta’ pajjiżna, għall-iżvilupp ta’ wind farms, li jżommu f’wiċċ l-ilma.
    Sentejn ilu, il-Gvern kien ħareġ konsultazzjoni preliminari għall-attivitajiet fiż-Żona Ekonomika Esklussiva nazzjonali, li rriżultat fi ħmistax-il proposta għal wind farms fuq il-blata kontinentali Maltija.
    Tali enerġija rinnovabbli offshore għandha l-għan li tħeġġeġ l-investiment u tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ proġetti, li issa qed ikunu ristretti għal żewġ żoni partikolari promettenti bi spazju adegwat għal bl-inqas impatt viżiv u interferenza minima ma' attivitajiet ekonomiċi.
    L-istudju ta’ Interconnect Malta qed isir proprju f’dawn iż-żoni ta’ 190 u 140 kilometru kwadru. Hu stmat li l-proġetti ma jiħdux iżjed minn mitt kilometru kwadru fiż-żewġ postijiet.
    L-Inġinier Christian Spiteri spjega kif qed isir dan l-istħarriġ, li se jwassal biex jiffaċilita l-proċess ħalli l-pajjiż iżid l-enerġija rinnovabbli.
    CHRISTIAN SPITERI
    INĠINIER, ICM
    “Dan l-istħarriġ se jikkonsisti minn żewġ apparati, li huma l- multibeam echosounder u subbottom provider, fejn dawn it-tnejn jaħdmu bis-sound waves. Wieħed għandu frekwenza għolja biex jagħti aktar riżoluzzjoni tajba, filwaqt is-subbottom provider għandha frekwenza aktar baxxa biex tippenetra saħansitra fil-qiegħ tal-baħar.”
    L-iżvilupp tat-teknoloġija, li taħdem bir-riħ, għall-produzzjoni tal-enerġija fiż-Żona Ekonomika Esklussiva, hi kruċjali fl-istrateġija nazzjonali biex Malta tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija, filwaqt li jkun hemm bilanċ ambjentali u ekonomiku b’kontribut ukoll għall-miri ambjentali fit-tul.
    Il-Ministru responsabbli mill-ambjent, Miriam Dalli, stqarret kif il-Gvern hu impenjat bi sħiħ biex joffri tali opportunitajiet lil investituri interessati li jipproduċu enerġija rinnovabbli fuq il-baħar.
    MIRIAM DALLI
    MINISTRU
    “Issa qegħdin naraw Interconnect Malta tagħmel dan l-istħarriġ tal-baħar biex naraw il-qiegħ tal-baħar u nanalizzaw dawk l-akwati li huma aktar propensi li jkollna proġetti bħal dawn. Nemmnu li, b’dan il-mod, inkunu qegħdin niffaċilitaw ukoll aktar l-affarijiet biex inkunu f’pożizzjoni aħjar li nistgħu nattiraw investituri interessati u li jagħtuna wkoll tariffa li tkun tajba.”

Komentáře •