KAPITLU ĠDID U MODERN GĦALL-HAPPY SCHOOL

Sdílet
Vložit
  • čas přidán 28. 06. 2024
  • ONE.COM.MT •
    Hekk kif intemmet sena skolastika oħra, intemm ukoll il-kapitlu tal-Iskola tal-Vajrinġa fir-Rabat Għawdex.
    Dan wara li għalqet il-bibien tagħha biex mis-sena skolastika li jmiss, l-istudenti jidħlu fi skola ġdida u moderna, b’investiment ta’ tmintax-il miljun ewro.
    Il-kollega tagħna Stefan Bajada żar l-iskola fl-aħħar jum tagħha u ħejja s-servizz.
    KAPITLU ĠDID U MODERN GĦALL-HAPPY SCHOOL
    Fetħet 168 sena ilu fi żmien l-Ingliżi.
    Fl-1856, daħlu l-ewwel studenti fiha.
    Rat eluf ta’ tfal tal-primarja jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fuq il-bankijiet fil-klassijiet tagħha.
    Rat mijiet ta’ edukaturi.
    Tiftakar parti mill-istorja importanti ta’ pajjiżna, partikolarment ta’ Għawdex.
    L-Iskola Primarja tal-Vajrinġa, fil-Belt Victoria.
    Wara dawn is-snin kollha, nhar il-Ħamis li għadda, din il-binja, illum storika, serviet għall-aħħar darba bħala skola.
    Għall-aħħar darba wkoll rat liċ-ċkejknin ħerġin mill-bieb prinċipali wara ġurnata tagħlim, iżda ma kinux se jerġgħu jidħlu lura.
    ONE NEWS żar din l-iskola, magħrufa bħala l-Happy School, fejn f’ġurnata normali kont tisma’ l-għajjat ferrieħi ta’ dawn l-istudenti jilagħbu fil-bitħa, jew il-kant tal-innu Malti mat-tokki tat-tmienja ta’ filgħodu għall-assembly u l-qanpiena tas-surmast tavża li spiċċa l-break.
    Iżda issa stajna biss ninnotaw skiet taqtgħu b’sikkina.
    Il-ħitan miżbugħa b’kuluri differenti mit-tfal, is-siġġijiet u l-bankijiet, il-klassijiet u l-kuriduri wara dawn is-snin kollha issa se jirtiraw minn xogħolhom u għall-aħħar darba wkoll sellmu lit-tfal u l-għalliema.
    Dan hekk kif mis-sena skolastika li jmiss posthom se tieħdu skola akbar, isbaħ, u aktar moderna fil-qalba tar-Rabat.
    Il-bini ta’ Skola Primarja ġdida fir-Rabat huwa proġett mill-Gvern b’investiment ta’ madwar €18-il miljun u nvolva wkoll it-tkabbir u l-immodernizzar tal-Iskola Medja fl-istess kampus.
    Ta’ min ifakkar kif ix-xogħol ta’ skavar u kostruzzjoni saru taħt is-sorveljanza ta’ arkeologi tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għax fis-sit instabu fdalijiet arkeoloġiċi li, biex jiġu preservati tajjeb, inbena ċentru ta’ interpretazzjoni arkeoloġika fil-binja tal-iskola.
    Fil-Vajrinġa, iltqajna mas-surmast Lelio Spiteri, li emozzjonat sibnih fl-uffiċċju tiegħu jiġbor l-affarijiet fil-kaxxi, b’uħud kienu ilhom hemm għal 12-il sena sħaħ minn kemm ilu jservi bħala l-kap tal-iskola.
    Mhux l-ewwel darba li fuq il-midja soċjali ġew ippublikati filmati tal-istudenti f’attivitajiet differenti u uniċi li jaf jorganizza l-istess surmast. Staqsejnih kif qed iħossu.
    LELIO SPITERI
    SURMAST TAL-HAPPY SCHOOL
    “Għandna ferħ u għandna dieqa, ferħ illi issa se nmorru f’post aħjar, attrezzat aħjar u akbar u fl-istess ħin dieqa għaliex dan il-post huwa mimli memorji ta’ tant edukaturi u tfal li ħadu l-edukazzjoni tagħhom propju minn dan il-post.”
    Fl-1893 fuq din l-iskola, żdied sular sabiex iservi ta’ Librerija Pubblika. Din il-binja wkoll hija waħda mill-ftit li baqa’ li l-Ingliżi kienu bnewha biex tintuża bħala skola u librerija u li sal-lum baqgħet tintuża biex isservi l-istess irwol. Hija storika wkoll hekk kif ġol-istess bitħa kienet issir il-wirja ferm tradizzjonali u popolari ta’ Santa Marija u li llum issir fil-ġnien tal-Villa Rundle.
    Is-surmast maħbub qal kif din l-iskola ġġib għexieren ta’ esperjenzi għal kul min tgħallem jew għallem fiha.
    “Se nġorr ħafna esperjenzi għaliex tant għixna mumenti sbieħ flimkien hawn ġew illi dawk żgur ser jibqgħu. Nemmen li dak kollu li bnejna flimkien, tant affarijiet u attivitajiet li għamilna, dawk għandna ritratti u filmati, imma fil-moħħ u fil-qalba se jibqgħu għal dejjem magħna.”
    Fl-istess uffiċċju sibna wkoll karlotta u salib li l-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku bagħat sabiex jitpoġġew fl-Iskola l-ġdida.
    Lelio qalilna kif it-tfal kollha, li jgħoddu għal ftit anqas minn 400, ħassewha ħafna meta ħarġu għall-aħħar darba minn din l-iskola.
    “Filwaqt li l-istudenti tas-sitt sena, anke bkew u aħna bkejna magħhom ukoll u anke tfal l-oħrajn ħarġu minn dan il-bini b’ċertu dieqa, kulħadd iħares lejn il-bini u għidt anke tfal iżgħar fl-età li indunaw li kienet l-aħħar darba tagħhom u tfal oħrajn fil-bini ta’ din l-iskola.”
    Sadanittant rajna lis-Surmast jagħlaq il-bibien ta’ din l-iskola għall-aħħar darba, fejn fl-istess ħin ingħalaq kapitlu biex jibda ieħor ġdid, bl-istudenti filwaqt li se jibqgħu fil-happy school, se jieħdu l-edukazzjoni f’ambjent aħjar.

Komentáře •